Alternattiva Demokratika

The Green Party

Press Releases

L-ambjent prijorità għal AD fil-Parlament

Ralph Cassar, Carmel Cacopardo, Michael Briguglio, Angele Deguara

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Belt Valletta, AD qalet li fil-Parlament tassigura li l-ambjent jingħata prijorità.

Michael Briguglio, Chairperson ta' AD qal: "Fil-Parliament AD tassigura li l-politika dwar l-ambjent tkun riflessa f'kull qasam tal-politika u l-proċessi leġiżlattivi. Fost il-proposti tagħna qed nipproponu riforma vera tal-MEPA li tagħti rwol ikbar lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili bħall-għaqdiet ambjentali. Qed nipproponu politika sostenibbli dwar l-ilma, ġustizzja ambjentali u jeddijiet ikbar lill-komunitajiet lokali. Dwar l-aħħar punt AD qed tipproponi l-introduzzjoni ta' referenda lokali għal proġetti li r-residenti u/jew il-Kunsilli Lokali jidhrilhom li huma kontroversjali."Proġett għandu jiġi pprezentat għal deċiżjoni popolari wara li jkunu ġew konklużi l-istudji kollha, kif ukoll wara li l-istess studji jkunu aċċessibli għal żmien raġjonevoli għal kull min ikun irid jaqrahom. F'każ ta' proġetti infrastrutturali u ta'  importanza nazzjonali għandu jkun possibbli għall-Parlament (li jirrappreżenta lill-komunità  fuq livell nazzjonali) illi wara li jassigura ruħu illi l-ilmenti tal-komunità  lokali jkunu indirizzati, jintervjeni u jieħu deċiżjoni finali.

Carmel Cacopardo, Deputat Chairperson u Kelliemi dwar l-Iżvilupp Sostenibbli u l-Intern qal li l-kapitlu dwar l-ambjent fil-Manifest Elettorali ta'  AD jittratta 28 qasam differenti ta' politika ambjentali li lkoll huma ta'  importanza.

Carmel Cacopardo enfasizza l-punti segwenti :

i) Il-frammentazzjoni eżistenti tat-tmexxija tal-ambjent għandha tkun indirizzata bl-amalgamazzjoni tal-MEPA u l-MRA (l-awtorità dwar ir-riżorsi) taħt it-tmexxija ta' Direttorat tal-Ambjent imsaħħaħ.

ii) L-għażla ta' dawk li jmexxu l-awtorità amalgamata għandu jsir mill-Parlament permezz ta' kumitat magħżul u mhux mill-Gvern.

iii) L-ippjanar dwar l-użu tal-art hi materja ambjentali bħalma hi l-politika dwar il-kwalità tal-arja jew dwar l-amministrazzjoni tal-iskart u għaldaqstant għandu jkun taħt id-direzzjoni tad-Direttorat tal-Ambjent.

iv) Il-Parlament jeħtieġ li jkun pront biex jaġixxi u iktar milli jibgħat rappreżentanti tiegħu biex jipparteċipaw fid-deċiżjonijiet tal-Awtorità għandu jsegwi u jifli l-ħidma tal-istess awtorità.

v) Bl-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà l-lokalitajiet tagħna jingħataw rwol fit-tehid ta' deċiżjoni fuq prġetti li huma soġġetti għal analiżi dwar l-impatt ambjentali (EIA); il-Parlament ikollu d-dritt ta' deċiżjoni finali fuq proġetti ta' importanza nazzjonali.

vi) Il-piz ambjentali safejn hu possibbli għandu jinfirex u ma jibqax jinġarr min-nofsinhar tal-pajjiż.

vii) L-oppożizzjoni għall-kostruzzjoni illegali bħalma hi l-belt tal-gabubi fl-Armier hi materja ta' ġustizzja ambjentali.

viii) Ir-riżorsa tal-ilma għandha tkun amministrata sewwa u għandu jkun ċar għal kulħadd li l-ilma tal-pjan hu propjetà pubblika.

ix) L-ammont dejjem jiżdied ta' propjetà vojta jwassal għal ħtieġa li jitwaqqaf l-iżvilupp fuq skala kbira permezz ta' moratorium fuq dan it-tip ta' żvilupp, kif ukoll permezz tat-tħassir tal-eżerċizzju tar- razzjonalizazzjoni kif ukoll it-tħassir ta' policies oħra li jiffaċilitaw l-intensifikazzjoni tal-iżvilupp.

x) L-industrija tal-bini hi fi stat li teħtieġ li tkun ristrutturata.

xi) Ir-riżorsa tal-ġebla jeħtieġ li tkun imħarsa.

xii) It-tipi differenti tal-iskart jeħtieġu amministrazzjoni aħjar; b'mod partikolari tenħtieġ attenzjoni għat-tipi speċjalizzati ta' skart kif ukoll li l-iscrapyards jinġiebu in regola mal-liġijiet Ewropej.

xiii) Tenħtieġ infrastruttura għall-iżvilupp sostenibbli; għandha tkun ibbażata fuq rifondazzjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli li wara li ma baqgħetx topera għal snin twal ġiet xolta fl-2012.

xiv) Għandha tingħata iktar attenzjoni għall-bijodiversità, tniġġis akustiku u tniġġis mid-dawl.

xv) Ir-Responsabbiltà Soċjali tal-Industrija u n-Negozju (CSR) f'Malta għandha titqiegħed fuq sisien sodi.

Carmel Cacopardo ikkonkluda billi qal li b'AD fil-Parliament il-politika ambjentali titqiegħed fuq l-aġenda nazzjonali b'konvinzjoni u mhux b'konvenjenza.