Alternattiva Demokratika

The Green Party

Opinions

L-inkubu populista – Michael Briguglio

Hekk kif dejjem qed toqrob l-elezzjoni ġenerali f’Malta, jidher li d-diskors popolista se jkollu rwol ewlieni fil-propaganda taż-żewġ partiti l-kbar. Tul dawn l-aħħar snin rajna eżempji ta’ popoliżmu fiż-żewġ partiti.

Il-Partit Nazzjonalista, per eżempju, kemm-il darba uża popoliżmu kulturali, fejn ipprova jagħti l-impressjoni li s-soċjetà Maltija hija omoġenja u karatterizzata minn stil ta’ ħajja waħda, għall- esklużjoni ta’ minoranzi bħal persuni omosesswali.

Il-Partit Laburista, min-naħa l-oħra qiegħed dejjem jintrabat b’popoliżmi varji, fosthom dik dwar l-enerġija. F’dan il-każ qed jipprova jagħti l-impressjoni li jista ' jnaqqas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u jinżammu l-prattiċi tal-ħela, saħansitra permezz ta’ power station ġdida ħdejn Delimara mingħajr emissjonijiet!

Iż-żewġ partiti huma maħkumin ukoll minn popoliżmu fiskali, fejn it-tnejn iwiegħdu żieda fin-nefqa fil-politika soċjali, mingħajr ma jikkommettu ruħhom għal miżuri ta’ dħul progressiv li jagħmel tajjeb għal din in-nefqa.

Il-PN għandu ħabta jagħmel dan permezz ta’ baġits ‘ġenerużi’ qabel l-elezzjoni, u l-PL qiegħed iwiegħed kollox lil kulħadd. Fiż-żewġ każijiet, il-wegħdiet sbieħ ikollhom it-tendenza li jittrasformaw irwieħhom f’inkubi wara li jkun intemm il-qamar il-għasel elettorali.

Il-kwistjoni tal-immigrazzjoni hija waħda fejn il-popoliżmu qiegħed jaħdem qisu inkubu, kemm għall-vittmi tal-inġustizzja bħar-razziżmu, kif ukoll għall-fatt li qed isiru bosta wegħdiet fiergħa li iktar qed jagħmlu ħsara milli ġid.

Fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2009 iż-żewġ partiti kbar, b’reazzjoni għall-influwenza tal-lemin estrem, inqdew bi propaganda rħisa dwar l-imigrazzjoni, fejn ipprovaw jagħtu l-impressjoni li l-immigrazzjoni hija ‘problema’ li tista’ tissolva b’xi bakketta maġika. Injoraw għal kollox l-aspetti u l-kawżi globali ta’ dan il-proċess.

Konsegwentement, dibattitu san dwar kif is-soċjetà Maltija tista’ tadatta aħjar għal dan il-fenomenu ġie mifqugħ mill-mewġa popolista.

Dak iż-żmien, il-Partit Laburista kien saħansitra lest li jgħid li lest li jissospendi obbligazzjonijiet internazzjonali bħall-Konvenzjoni ta’ Ġinevra (l-istess konvenzjoni li ġiet skartata minn Gaddafi), u l-Gvern Nazzjonalista kien qiegħed fis-seba’ sema bil-ftehim tal-Gvern ta’ Berlusconi ma’ Gaddafi dwar l-immigrazzjoni, liema ftehim illeġġittima l-prattiċi barbari tar-reġim tal-Kurunell Libjan.

Il-Ministru Tonio Borg kien qal li jaqbel mal-‘push back’ policy tal-Italja.

Issa wara li immigrant mill-Mali nstab mejjet wara li kien taħt il-kustodja tas-servizzi tad-detenzjoni, tajjeb wieħed jara l-effetti tal-inkubu popolista f’dan il-qasam.

Din l-aħbar terribbli tikkonferma li politika populista, ir-razziżmu u detenzjoni esaġerata huma l-ikbar problema fil-politika tal-migrazzjoni.

Filwaqt li bħala Ċerpersin ta’ Alternattiva Demokratika nilqa’ l-kliem iebes tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi dwar is-sitwazzjoni, kif ukoll il-fatt li se jiltaqa’ ma’ għaqdiet non-governattivi, il-fatt jibqa’ li f’dawn l-aħħar snin il-Gvern m’għamel kważi xejn biex titijieb is-sitwazzjoni.

Il-Partit Laburista, sadattant, qed jibqa’ jippreferi juża l-politika popolista għal raġunijiet elettorali, u Joseph Muscat din il-ġimgħa reġa’ rrefera għal pjan t’azzjoni tal-partit tiegħu, li, fost oħrajn jissuġġerixxi li Malta tissospendi obbligi internazzjonali f’dan il-qasam.

Sadattant, Alternattiva Demokratika tingħaqad mal-għaqdiet non-governattivi progressivi, il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Ġnus Magħquda u oħrajn, fl-għajta għal bidliet fil-politika Maltija tal-migrazzjoni.

F’żewġ artikoli preċedenti fi IL-ĠENSillum online, jiena ktibt dwar dan (riferenza għall-artikli tinstab taħt dan l-artiklu)

Il-popoliżmu ħafna drabi hu mibni fuq retorika li ‘tbigħ’, iżda mhux bilfors ikollha soluzzjonijiet sostenibbli. F’dan il-każ, bħal inkubu bil-fatati, tista’ terġa’ tiġi lura meta jkun il-waqt, hu jintwera li lil hinn mir-retorika ma’ kien hemm xejn. Il-popoliżmu tista’ trebbaħ elezzjoni, iżda dan mhux neċessarjament isarraf f’bidliet soċjali.

Artikli preċedenti dwar l-immigrazzjoni:
http://www.il-gensillum.com/news.asp?newscat=10&news=15582
http://www.il-gensillum.com/news.asp?newscat=10&news=12052
Michael Briguglio huwa ċ-Ċermen ta' Alternattiva Demokratika.

(sors: http://www.il-gensillum.com/news.asp?newscat=10&news=16261)