Alternattiva Demokratika

The Green Party

Opinions

Lejn użu sostenibbli tal-ilma

Malta hi waħda mill-iktar pajjiżi niexfa fid-dinja, iżda mhux qed tingħata prijorità għall-politika sostenibbli dwar l-ilma.

F’pajjiżna, madwar 60 fil-mija tal-ilma tax-xorb jiġi mill-impjanti tar-reverse osmosis, li jikkunsmaw ħafna enerġija. Iktar dipendenza fuq din it-teknoloġija hija riskjuża, għax dan ifisser li jekk, per eżempju, ikun hemm xi inċident ta’ xi tanker taż-żejt ħdejn Malta, ikollna diżastru sħiħ! Malta għandha faċilitajiet ta’ ħażna tal-ilma ta’ 48 siegħa biss.

Tajjeb ngħidu li f’pajjiżna hemm madwar 8,000 borehole privata, li jieħdu l-ilma mill-pjan għal użu varju fosthom produzzjoni ta’ soft drinks, trobbija tal-annimali, manifattura, manifattura tal-konkrit, pixxini, agrikultura, u ġonna – mingħajr ħlas ta’ xejn. Probabbli pajjiżna għandu l-ikbar rata ta’ boreholes fid-dinja, meta tqis id-daqs tal-pajjiż.

L-użu tal-boreholes huwa insostenibbli, u esperti qed jgħidu li jekk nibqgħu bl-istess prattiċi tal-preżent, fi 15-il sena l-ilma tal-pjan tant se jkun mielaħ li ma jkun tajjeb għal xejn. B’hekk, pajjiżna miexi lejn sitwazzjoni fejn inkunu totalment dipendenti mill-ilma tar-reverse osmosis.

Qegħdin f’sitwazzjoni fejn il-maġġoranza tal-poplu jħallsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, waqt li oħrajn jisirqu l-ilma li jiġi mill-boreholes.

Wasal iż-żmien li l-ilma tal-pjan jiġi protett u li jkun hemm miżuri sostenibbli, per eżempju dwar ilma riċiklat.

Huwa pożittiv li l-Gvern se jdaħħal sistema fejn il-boreholes ikollhom arloġġ biex wieħed ikejjel il-konsum tal-ilma, iżda żgur li l-Gvern beda tard u mhux miexi bl-urġenza li titlob din il-kwistjoni. U hemm bosta miżuri oħrajn li għandhom jittieħdu mill-iktar fis.

Immedjatament, il-boreholes mhux irreġistrati għandhom jitwaqqfu minnufih, u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandu jkollha l-prijorità fl-użu tal-ilma tal-pjan. B’hekk, il-Korporazzjoni tkun f’pożizzjoni aħjar li tippjana użu sostenibbli ta’ dan ir-riżors strateġiku u anki tkompli twassal ilma liċ-ċittadini kollha bi prezz raġunat. Dan jagħmel sens ekonomiku, soċjali u ambjentali.

Il-bdiewa għandhom jitħallew jużaw l-ilma tal-pjan, iżda għandu jkun hemm sistema razzjonali u ppjanata li tinkoraġġixxi użu sostenibbli. Għalhekk għandu jkun hemm jew kwota mingħajr ħlas jew ħlasijiet minimi għall-użu ta’ dan l-ilma, skont id-daqs tal-għelieqi li jaħdmu fuqhom l-istess bdiewa. Iżda fuq medda itwal ta’ żmien, l-agrikultura, bħala settur strateġiku, għandha tuża ilma riċiklat ta’ kwalità tajba, permezz ta’ sussidju, jekk hemm bżonn – u tnaqqas id-dependenza fuq il-boreholes.

L-industrija ma għandhiex titħalla tuża ilma tal-pjan, u għandha tħallas rati kummerċjali għall-użu ta’ ilma tal-mains. Tajjeb li nsemmu li kumpanija prinċipali tas-soft drinks, li dan l-aħħar ironikament ingħatat premju ambjentali, qed tuża ilma tal-pjan għall-prodotti tagħha. L-industrija għandha tuża ilma riċiklat meta possibbli, u għandha tħallas prezz kummerċjali għall-użu ta’din ir-riżorsa strateġika. Jekk kumpanija ma tistax tħallas il-prezz kummerċjali tal-ilma, dan hu sinjal li l-istess kumpanija qiegħda tagħmel użu minn prattiċi insostenibbli.

Irridu nifhmu li m’hemmx ammont infinit ta’ ilma għall-użu tagħna. L-ilma li qiegħed jittella’ mill-boreholes privati qiegħed jittieħed mill-produzzjoni tal-WSC u minn ħalq uliedna.

Il-kwistjoni tal-ilma hi waħda ta’ ġustizzja ambjentali, ġustizzja soċjali u sens tajjeb ekonomiku. Kif jista’ jkun li riżorsa hekk skarsa qed tiġi trattata qisha xi waħda bi provvista bla limitu, u kif jista’ jkun li dawk li qed jieħdu l-ilma b’xejn qed jiġu ppremjati ta’ dan?

(NOTA: Dan kien il-ġist tad-diskors ta’ Michael Briguglio, Ċerpersin ta’ Alternattiva Demokratika, fil-konferenza ambjentali dwar l-ilma organizzata mill-Kummissjoni Ambjentali tal-Knisja u mill-Għaqda Maltija dwar l-Ilma, fl-10 ta’ Diċembru 2011)

Michael Briguglio

7 ta'Jannar 2012
Il-Gens Illum
http://www.il-gensillum.com/news.asp?newscat=10&news=12687